L-ORIĠINI TAL-PARROĊĊA 

 

F’dawk iż-żminijiet, użanza komuni u ħelwa kienet dik illi kull familja fid-dar tagħha kien ikollha rokna ċkejkna ddedikata lill-Madonna jew lil xi qaddis ieħor.  U hekk kellha l-familja ta’ Pawlu Burlo`, raġel twajjeb imwieled il-Belt Valletta fl-1887. Sa minn ċkunitu Pawlu flimkien ma’ missieru kien iżejjen l-altar tal-kappella ċkejkna li huma kellhom taħt it-taraġ tad-dar tagħhom.  Meta mbagħad kiber, Pawlu kompla b’din it-tradizzjoni billi għamel kappella oħra, din id-darba fid-dar tiegħu f’numru 20, Triq Vitale l-Ħamrun.  Ta’ kuljum Pawlu flimkien ma’ martu Karmena u l-erba` ulied kienu jgħid ir-rużarju fil-kappella li hu kellu taħt it-taraġ.

 

F’Mejju tal-1920 Pawlu ġietu l-idea li għal dak ix-xahar jistieden lit-tfal tal-inħawi sabiex flimkien miegħu jgħidu r-rużarju.  Imbagħad meta wasal l-aħħar tax-xahar hu għamlilhom festin ċkejken billi żejjen l-altar kif jixraq, lestilhom xi ħelu u anki ġab il-mużika ġo daru stess.  Ma naqasx ukoll li jixgħel il-faċċata tad-dar tiegħu bid-dawl. 

 

Is-sena ta’ wara hu reġa` għamel l-istess u t-tfal li attendew is-sena ta’ qabel mhux talli reġgħu marru iżda talli magħhom ħadu wkoll lill-ħbieb u lill-ġenituri tagħhom, tant li ħafna minnhom kellhom joqogħdu fi kmamar oħra fid-dar tiegħu.  Hawnhekk Pawlu ntebaħ li jekk kien se jibqa` sejjer b’din it-tradizzjoni ma kellux triq oħra ħlief li jsib post akbar sabiex juzah għal dan l-istess skop.  Fil-fatt hu kien irnexxielu jikri terran akbar fl-istess triq u hawnhekk barra li kien jingħad ir-rużarju, ta’ kuljum lin-nies preżenti beda jgħamlilhom ukoll ħsieb spiritwali qasir.  Għal dan il-għan kien intgħażel il-kjeriku Karmenu Gatt.

 

F'Mejju tal-1923, Pawlu talab lill-kappillan tal-Ħamrun Dun Ġużepp Muscat sabiex jorganizza festa akbar minn dik ta’ qabilha, iżda peress li din kienet se tkun festa pubblika hu kien qallu li kien jinħtieġ il-permess mill-Kurja.   Għalhekk Pawlu inkariga lis-Sur Hugh Campbell sabiex imur jitkellem il-kurja f’ismu.  Min-naħa tiegħu l-E.T. Monsinjur Isqof Portelli meta sar jaf bil-ġid spiritwali li kien qed isir hemmhekk, mhux talli ta l-permess meħtieġ, iżda talli ħeġġeġ lil Pawlu sabiex il-kappella tibqa` tinżamm miftuħa is-sena kollha.  Sena wara eżattament fl-1 ta’ Ġunju tal-1924 l-Isqof Portelli stess kien qaddes quddiesa f’dan il-post.

 

Maż-żmien anki dan il-post sar żgħir u hawnhekk Pawlu kellu jikri post akbar, bieb ma’ bieb ma’ dak li kellu qabel. Hu ttrasferixxa kollox għal hemmhekk u minnufih beda jarma l-kappella bl-aħjar mod possibbli.  Hemmhekk għamel prospettiva tal-injam sabiex biha kesa l-ħitan tal-kamra u fiha poġġa l-altar.

 

Ħdax-il sena wara Pawlu mexxa kollox f'terran ieħor proprjeta` tas-Sur Antonio Grech, din id-darba fi 12, Triq id-Duluri l-Ħamrun.  Il-post kien jikkonsisti f’żewġ kmamar u bitħa.  Li għamel hemmhekk Pawlu kien illi neħħa l-ħajt ta’ bejn il-kmamar, għolla s-saqaf, għamel gallerija għall-orgni fuq il-bieb ta’ barra u bena parti mill-bitħa sabiex fiha għamel sagristija żgħira.  Imbagħad, fuq bena kamra sabiex fiha jkun jista` jerfa` l-affarijiet tal-kappella.  Għall-bidu is-Sur Antonio Grech, propjetarju ta’ dan it-terran beda jieħu sbatax-il xelin kera iżda meta ntebaħ bil-ġid li kien qed isir, bejn l-1937 u l-1941 hu niżel għal nofs lira, sakemm aktar tard hu ma ried xejn ħlief li ssir quddiesa kull disgħa tax-xahar għal ruh ibnu li kien miet fil-gwerra.  Minn hawnhekk il-quddiem il-post beda jissejjaħ "L-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni".

 

L-ewwel quddiesa f'dan l-oratorju tqaddset mill-Kanonku Amabile Camilleri, wara li l-E.T. Monsinjur Isqof Mauru Caruana kien ħareġ il-permess meħtieġ.  Għall-bidu dawn bdew isiru nhar xi festa tal-Madonna, Festi Kmandati u l-Ħdud u aktar tard anki fil-ġranet tax-xogħol.  Barra l-quddies bdew ukoll isiru funzjonijiet u pellegrinaġġi. 

 

Inxtraw ukoll xi statwi fosthom dik ta’ Marija Immakulata, tal-Qalb ta' Ġesu`, ta' San Ġużepp u tal-Ecce Uomo.  Imbagħad aktar tard Pawlu beda jgħallem d-dutrina lit-tfal tal-inħawi flimkien ma’ Hugh Campbell u Anna Muscat .

 

Fis-sena 1945 kien tfakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif ta’ dan l-oratorju li sa dak iż-żmien kien tant għamel ġid fost ir-residenti tal-inħawi.  Għal din l-okkażjoni unika u hekk speċjali t-toroq tal-inħawi kienu żżejnu bil-pavaljuni, bandalori, bnadar, liedna u anki bil-fustuni bil-bozoz.  Il-kappella kienet intramat ukoll bl-aħjar mod possibbli.  Kien anki ntrama damask ta' lewn aħmar mal-kappella kollha u fiċ-ċentru tpoġġiet l-istatwa tal-Kunċizzjoni.  Kienu mistiedna xi baned fosthom ta' San Gejtanu u ta' San Ġużepp tal-Ħamrun sabiex iferrħu lin-nies tal-madwar.  Bħala tifkira dejjiema ta' dan anniversarju hekk sabiħ twaħħlet lapida kommemorattiva tal-irħam.

 

Dan l-oratorju baqa` jaqdi l-ħtiġijiet tan-nies tal-lokal sal-1958 u dan għaliex matul dik is-sena kienet issaqqfet il-parti ta’ taħt tal-knisja l-ġdida u għalhekk kollox mexa għal hemmhekk.

 

IL-LAPIDA TIFKIRA TAL-25 ANNIVERSARJU 

 

Din ta' hawn taħt hija l-iskrizzjoni li ġiet mikxufa minn Patri M. Mifsud dakinhar tal-okkażjoni tal-għeluq il-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tal-Oratorju tal-Kunċizzjoni.  Din l-iskrizzjoni kienet inkitbet mill-Professur Patri Pawl Tabone O.F.M. u l-kliem tnaqqax fuq lapida tal-irħam abjad. 

 

Sfortunatament il-lum il-ġurnata din il-kappella ma għadiex teżisti u dan għaliex snin ilu kienet twaqqgħet u minflok kien inbena l-każin tal-Hamrun Heroes.  Kien żball tassew kbir li dan il-post importanti ma ġiex ippriservat kif kien jixraqlu u kien żball ferm akbar illi l-parroċċa telqet lil dan il-bini storiku minn taħt idejha.  Għall-inqas il-lapida għadha imwaħħla mal-faċċata sal-ġurnata tal-lum għalkemm mhux fil-post oriġinali tagħha.  Il-lapida tgħid hekk:

 

IL-FESTA TAL-ĦAMSA U GĦOXRIN SENA

MIT-TWAQQIF TAL-ORATORJU

 

Dan il-programm hu estratt mill-ktejjeb

'L-Oratorju ta' l-Immakulata Konċezzjoni Ħamrun'

li kien inkiteb minn Patri Giljan M. Mifsud O.E.S.A. fl-1946.

 

Fl-1945 l-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni għalaq ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tiegħu u għal din iċ-ċirkostanza l-fundatur ta’ l-oratorju, Pawlu Burlo` flimkien mal-kumitat tal-festa mwaqqaf taħt il-presidenza tas-Sur Ġuże` Busuttil għamlu festi sbieħ li jibqgħu msemmija fl-istorja ta’ dan l-oratorju.

 

 

Il-PROGRAMM TAL-FESTI KIEN IMQASSAM HEKK:

 

L-Erbgħa, 30 ta’ Mejju, l-Ewwel Jum tat-Tridu

 

Fis-7 ta’ filgħaxija wara li ngħad ir-rużarju saret priedka minn Patri Pubblio Micallef, O.E.S.A.  Wara l-priedka sar il-kant tas-Salve u tal-Litanija u ngħatat il-Barka Sagramentali.

 

Il-Ħamis, 31 ta’ Mejju, it-Tieni Jum tat-Tridu

 

Fis-7 ta’ filgħaxija wara li ngħad ir-rużarju saret priedka minn Patri Avertano Saliba O.C. Wara l-priedka sar il-kant tas-Salve u tal-Litanija u ngħatat il-Barka Sagramentali.

 

Il-Ġimgħa, 1 ta’ Ġunju, l-Aħħar Jum tat-Tridu

 

Fis-7 ta’ filgħaxija wara li ngħad ir-rużarju saret priedka minn Patri Gundisalvo Grech O.P. S.Th.L.  Wara l-priedka sar il-kant tas-Salve u tal-Litanija u ngħatat il-Barka Sagramentali.

 

Is-Sibt, 2 ta’ Ġunju, Lejlet il-Festa

 

Filgħodu saret quddiesa bit-tqarbina ġenerali.

Fis-6 ta’ wara nofs inhar tkanta l-Għasar Solenni mill-Kanonku ta’ San Pawl tal-Belt, Dun Amabile Camilleri. Wara sar il-kant tas-Salve u tal-Litanija u ngħatat il-Barka Sagramentali.  Wara l-Barka Sagramentali, il-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun daqqet marċijiet brijjużi fi Triq id-Duluri u meta waslet quddiem l-oratorju Parti M. Mifsud O.E.S.A. kixef il-lapida li ġiet imwaħħla fil-faċċata tal-oratorju biex tkaffar l-għeluq il-ħamsa u għoxrin sena tat-twaqqif tiegħu.  Hu għamel diskors għaċ-ċirkostanza, minn fuq il-‘microphone’.  Wara d-diskors, il-Banda San Gejtanu kompliet il-marċijiet tagħha u mbagħad daqqet programm quddiem l-istess oratorju fil-preżenza tan-nies preżenti.

 

Il-Ħadd, 3 ta’ Ġunju, Jum il-Festa

 

Fis-5.45 ta’ filgħodu saret quddiesa baxxa.

Fis-6.45 ta’ filgħodu saret quddiesa baxxa.

Fit-8.00 ta’ filgħodu saret quddiesa solenni kkoncelebrata mill-Kanonku Dun Amabile Camillieri.

Fid-9.00 ta’ filgħodu saret quddiesa baxxa.

 

Fil-5 ta’ filgħaxija, wara li ntqal ir-ruzarju, Parti Dumink Coppola, O.F.M. għamel paniġierku għad-unur l-Immakulata Kunċizzjoni.  Wara l-paniġierku sar l-Għasar Solenni mill-Kanonku Dun Ġużepp Vella.  Wara ntqal it-Te Deum u ngħatat il-Barka Sagramentali mill-Kappillan tal-Ħamrun, Dun Nerik Cordina Perez.  Wara l-Barka Sagramentali, il-ħabrieki u maħbub kappillan, imqanqal minn dan l-entużjażmu kollu tal-poplu u speċjalment mill-ġid spiritwali ta’ dan il-grazzjuz oratorju, dar fuq il-poplu u fi ftit kliem imħeġġeġ wera l-qima lejn il-ħidma bla mistrieħ “tal-fundatur ta’ l-oratorju, Pawlu Burlo`, il-bniedem umli u twajjeb li bih inqeda Alla għal tant ġid spiritwali fil-parroċċa għażiża tiegħu” tal-Ħamrun.

 

Wara l-funzjonijiet reliġjuzi, il-kumitat, il-benefatturi u l-ħbieb tal-oratorju ltaqgħu fid-dar tas-Sur Luigi Pace fejn sar repo` kbir.  Hawn is-saċerdoti u l-patrijiet ta’ diversi ordnijiet reliġjużi, tista' tgħid kollha għamlu brindisi għad-unur il-fundatur li kien hemm preżenti ħdejn il-kappillan.  Wara l-Baned San Ġużepp tal-Ħamrun u San Ġorġ ta’ Ħal Qormi daqqew marċijiet fi Triq id-Duluri u mbagħad għamlu programm, waħda quddiem l-oratorju u l-oħra f’Misrah il-FerrovijaKemm l-oratorju kif ukoll it-toroq tal-inħawi tiegħu kienu lluminati bil-luce elettrica, nhar l-1, 2 u 3 ta’ Ġunju.