IL-LOGĦOB TAN-NAR 

Għalkemm mhux xi element ewlieni, sa mill-ewwel festa li kienet saret fl-1968 kien sar xi logħob tan-nar kemm tal-ajru kif ukoll tal-art. In-nar kien dejjem limitat u dan minħabba l-fatt illi l-Ħamrun kien u għadu kollu kemm hu mibni u għalhekk sa minn dejjem kwazi ma kien jeżisti l-ebda spazju minfejn wieħed seta` jaħraq il-logħob tan-nar tal-ajru.  Imma allavolja fi spazju daqstant limitat xorta waħda ta’ kull sena d-dilettanti tan-nar raw kif għamlu sabiex matul il-ġranet tal-festa jkun hemm dak il-ftit logħob tan-nar, kemm tal-ajru kif ukoll tal-art. Fl-ewwel festa tal-1968, eżattament lejlet il-festa kien inħaraq il-logħob tan-nar tal-art fi Pjazza Kappillan Muscat kif ukoll musketterija u anki xi murtali tal-kulur minn fuq il-bejt tal-knisja. 

Imbagħad fis-snin ta' wara l-logħob tan-nar żdied xi ftit.  Flimkien mal-ġigġifogu bdew ukoll jinħarqu diversi kaxxi infernali, l-aktar fil-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni.  Kienu jinħarqu wkoll murtali tal-kulur, spanjola, dawk tal-bomba, torċi u fjammi Rumani u anki musketterija.

Għal diversi snin mill-għalqa magħrufa bħala “Tal-Fatati” kien jinħaraq il-logħob tan-nar tal-ajru fosthom murtali tal-kulur, blalen, murtaletti u anki kaxxi infernali. Dan kien sar bejn l-1985 u l-1994 u f’dawk is-snin kienu anki jinħarqu kaxxi infernali fit-Translazzjoni, wara l-ġigġifogu, kif ukoll waqt il-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni.  Imbagħad għal sentejn bejn l-1995 u l-1996 minn din l-għalqa kienu nħarqu wkoll murtaletti u anki blalen. Iżda sforunatament, illum dan ma jistax isir aktar minħabba li din l-għalqa spiċċat għal kollox u minflok hemm biss bini.  Din l-għaqda kienet tinsab f'tarf Triq Kappillan Mifsud.

Sa mill-ewwel sena tal-festa kien sar programm ta' logħob tan-nar tal-art u dan għadu jsir sal-ġurnata tal-lum.  Fl-ewwel snin dan kien isir fi Pjazza Kappillan Muscat, iżda mbagħad dan mexa għal tarf Triq il-Kappillan Mifsud.  Illum il-ġigġifogu qed isir fi Triq Manwel Magri, biswit il-knisja parrokkjali.  Għal xi snin barra dak ta' lejlet il-festa kien jinħaraq ukoll ġigġifogu fl-aħħar Jum tat-Tridu, kif ukoll fid-dħul tal-purċissjoni fil-knisja.  Illum il-logħob tan-nar tal-art qed isir biss lejlet il-festa, iżda huwa wieħed interessanti għaliex dan qed ikun akkumpanjat minn siltiet muzikali u huwa l-uniku ġigġifogu li jsir fil-Ħamrun.

Kas mhux daqstant sabiħ, iżda mhux ta' min iħalli barra kien seħħ waqt il-ħruġ tal-purċissjoni mill-knisja tal-1985.  Dakinhar waqt il-ħruq tal-kaxxa infernali tal-ħruġ kienu nqelbu xi kanni u wieħed mill-murtali tal-bomba baqa` dieħel f'gallerija li hemm faċċata tal-knisja.  Il-gallerija kienet ġarrbet xi ħsarat strutturali żgħar, filwaqt li mara li kienet fl-istess gallerija tara l-purċissjoni kienet ġarrbet xi ġrieħi ħfief ħafna

Tul is-snin kienu diversi l-kmamar tan-nar li taw is-servizz tagħhom lill-festa tal-parroċċa tagħna.  Ix-xogħol tagħhom kien jikkonsisti ġeneralment f’murtali tal-bomba u spanjola, murtali tal-kulur, kaxxi infernali,  kif ukoll ġigġifogu u musketterija.  Fost dawn il-kmamar kien hemm: 

 

Ø     Il-Kamra tan-nar 'Santa Elena' ta’ Birkirkara.

Ø     Il-kamra tan-nar 'San Filep' ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Ø     Il-Kamra tan-Nar '12 ta' Mejju' ta' Ħaż-Żebbuġ.

Ø     Il-kamra tan-nar 'Marija Assumpta' tal-Qrendi.

Ø     Il-Kamra tan-nar 'San Ġużepp' ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Ø     Kamra tan-nar privata mill-Imqabba.

Ø     Kamra tan-nar privata mill-Mellieħa. 

Ø     Kamra tan-nar privata mill-Qrendi.

Ø     Kamra tan-nar privata min-Naxxar.

Ø     Kamra tan-nar privata minn Ħaż-Żebbuġ.

Ø     Il-Kamra tan-nar 'Santa Marija' tal-Imqabba. 

Ø     Il-Kamra tan-nar 'Madonna tal-Ġilju' tal-Imqabba. 

Ø     Il-Kamra tan-nar 'San Mikiel' ta' Ħal Lija.

Ø     Il-Kamra tan-nar 'San Ġużepp' tar-Rabat. 

Matul is-snin kien hemm ukoll numru ta' dilettanti mill-parroċċli għal snin sħaħ taw ukoll is-sehem tagħhom f'dan il-qasam billi għamlu xogħol ta’ kaxxi infernali u murtali tal-kulur. Għal xi snin kienu ukoll jinħarqu kaxxi infernali minn fuq il-bejt taċ-ċentru parrokkjali, fosthom dik tat-Translazzjoni, tas-sibt filgħaxija kif ukoll tal-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni. Flimkien ma' dawn il-kaxxi infernali kienu wkoll jinħarqu blalen ta' qies żgħir u anki suffarelli tal-kanna.  Meta mbagħad ġew emendati l-liġijiet dan ma kienx possibbli li jsir aktar u għalhekk illum minn fuq il-bejt taċ-ċentru jinħarqu biss musketterija u numru żgħir ta' stoppini.   

Preżentament il-Kummissjoni Festa hija responsabbli mill-musketterija li tinħaraq minn fuq il-bejt taċ-ċentru parrokkjali u anki mill-ġigġifogu.  Min-naħa l-oħra l-Għaqda Dilettanti tan-Nar qed tieħu ħsieb il-kaxxi infernali u anki l-mużika ta' mal-ġigġifogu.

F'dawn l-aħħar snin l-Għaqda Dilettanti tan-Nar għamlet dak kollu li setgħet sabiex matul il-festa jkollna xi ftit logħob tan-nar.  Għal xi snin waqt it-Translazzjoni u anki waqt il-ħruġ tal-purċissjoni l-għaqda ħarqet salut tad-daħna tal-kulur, murtali bi qsim tal-karti flimkien ma' kaxxi infernali ta' qies żgħir.  Tajjeb ngħidu li ma' dawn jinħarqu wkoll kaxxi infernali tal-kulur kemm il-Ħamis wara l-kunċert vokali u strumentali, is-Sibt wara l-logħob tan-nar tal-art, kif ukoll fil-ħruġ, fil-dħul u meta l-purċissjoni tasal quddiem il-Jesmond Club.

Għall-festa tal-2011 saru toqob ġodda għall-logħob tan-nar tal-art u dan wara li kien deċiż illi l-ġigġifogu kellu jitmexxa xi ftit minn fejn kien isir f'dawn l-aħħar snin.  Dan sar sabiex ikun konformi mal-liġijiet il-ġodda u sabiex l-akkwati tal-knisja waqt il-ġigġifogu jkunu aktar aċċessibbli għal dawk kollha li jkunu preżenti.

Il-festa tal-2012 bla dubju se tibqa' waħda li ma tintesa qatt mid-dilettanti tal-logħob tan-nar tal-parroċċa tagħna.  Dan għaliex wara tant snin ta' mistennija, l-Għaqda Dilettanti tan-Nar irnexxielha taħraq murtali ta' qies kbir minn għaqda fis-Swatar, fosthom murtaletti b'żewġ ħsejjes, sfejjer, qasmiet tal-kulur u anki blalen.  Inħaraq ukoll salut fil-ħruġ u fid-dħul tal-purċissjoni u anki kaxxa infernali tal-kulur bil-logħob.  Għal dan il-għan kienet wżata s-sistema Cobra Firing System.  Barra dan matul il-ġimgħa inħarqu wkoll diversi kaxxi infernali tal-kulur u tal-bomba minn fuq il-bjut, kaxxi li kkumplimentaw ħafna miċ-ċelebrazzjonijiet li kienu qed isiru kemm fil-knisja u wisq aktar fit-toroq.

Matul il-festa tal-2013 l-għaqda għal darba oħra reġgħet ħarqet spettaklu ta' logħob tan-nar tal-ajru mis-Swatar.  Dan il-logħob tan-nar inħaraq bil-Cobra Firing System u kien jinkludi blalen, sfejjer, murtali tal-kulur u murtali tal-beraq.  U dan barra l-kaxxi infernali li nħarqu matul il-ġimgħa tal-festa minn fuq numru ta' bjut.  Minn din is-sena nbidlet ukoll il-kamra tan-nar li tieħu ħsieb il-logħob tan-nar tal-art.  Ix-xogħol sar mill-membri tal-kamra tal-nar ta' Santa Marija tal-Imqabba.

Għall-festa tal-2015, l-Għaqda Dilettanti tan-Nar tal-Parroċċa ċċelebrat l-20 sena mit-twaqqif tagħha u għal dan l-anniversarju hekk sabiħ matul il-ġimgħa tal-festa kien maħruq programm speċjali kemm mill-għalqa ġewwa s-Swatar u anki minn fuq diversi bjut. 

Għall-festa tas-sena ta' wara, jiġifieri dik tal-2016 il-Kummissjoni Festa reġgħet kienet responsabbli mill-ġigġifogu u mill-logħob tan-nar li nħaraq minfuq il-bejt tal-knisja parrokkjali, filwaqt li l-Għaqda Dilettanti tan-Nar ħadem ħsieb il-logħob tan-nar tal-ajru li nħaraq mill-għalqa fis-Swatar u anki l-logħob tan-nar li nħaraq minfuq il-bejt tal-Jesmond Sporting Club u minn dak tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni.  Mis-Swatar l-Għaqda Dilettanti tan-Nar għal darba oħra reġgħet tellgħet programm varjat tal-murtaletti, blalen, sfejjer u murtali tal-kulur li nħaraq il-Ħadd filgħaxija f'jum il-festa.  Sadanittant l-għaqda ħarqet murtali tal-bomba u tal-beraq fit-8.00am u f'12.00pm kemm lejlet il-festa, kif ukoll il-Hadd, f'jum il-festa.  Fl-aħħar nett tajjeb ngħidu li l-logħob tan-nar tal-art kien maħdum mill-kamra tan-nar ta' San Mikiel ta' Ħal-Lija.

 

 

L-GĦAQDA DILETTANTI TAN-NAR

 

  

 

La darba qegħdin nitkellmu fuq l-logħob tan-nar ma nistgħux ma nsemmux lil Għaqda Dilettanti tan-Nar tal-parroċċa tagħna.  L-Għaqda Dilettanti tan-Nar hija l-aktar soċjeta` żagħżugħa li nsibu fil-parroċċa tagħna u fil-fatt din kienet twaqqfet nhar it-18 ta’ Lulju tal-1995. 

 

F’moħħ id-dilettanti tan-nar tal-parroċċa kien ilu jberren il-ħsieb li titwaqqaf għaqda sabiex tieħu ħsieb in-nar tal-ajru u anki biex tiġbor il-fondi meħtieġa. Kien xi gimgħa wara l-festa tal-1995 meta Ivan Bugeja, Alan Cutajar flimkien ma' Oliver Agius avviċinaw lil xi dilettanti sabiex flimkien iwaqqfu lil din għaqda tan-nar.  Aktar tard saru xi laqgħat fejn ġie mwaqqaf l-ewwel kumitat u anki l-istatut li fuqu kellha timxi din l-għaqda.  

 

Matul dawn il-laqgħat kien ġie diskuss id-disinn tal-arma u tal-bandiera tal-għaqda.  L-arma li  ntgħażlet kienet dik b'Nome di Maria sserraħ fuq parċmina bil-kelmiet “Dilettanti tan-Nar” u b'żewġ murtali.  Il-bandiera magħżula kienet ta' lewn bajdani bil-burdura ċelesta mad-dawra u bl-arma fin-nofs. 

 

 

Il-kumitat fundatur tal-għaqda kien magħmul minn dawn il-membri:

 

Ivan Bugeja – President

Alan Cutajar – Segretarju

Oliver Agius – Kaxxier

Clive Micallef – Viċi-President

Josef Belli – Uffiċċjal Relazzjonijiet Pubbliċi

Stanley Azzopardi – Assistent Segretarju

Simon Micallef – Assistent Kaxxier

Noel Mangion – Membru

 

Fl-ewwel xhur il-laqgħat tal-kumitat kienu jsiru fid-dar ta’ wieħed mill-membri fl-Imsida.  Aktar tard dawn bdew isiru f’post fi Triq Joe Sciberras, sabiex il-lum il-laqgħat qegħdin isiru fil-Jesmond Sporting Club ta’ Triq Kanonku Bonniċi l-Ħamrun.

 

Sa mill-bidu nett l-iskop ewlieni li għalih kienet twaqqfet l-għaqda kien dak li jitħejja programm varjat ta’ logħob tan-nar għall-festa.  Bejn l-1995 u l-1999 in-nar tal-festa kien jinħaraq mill-għalqa li kien hemm fi Triq il-Kappillan Mifsud, hekk imsejħa “Tal-Fatati”.  Din l-għalqa kienet kbira mhux ħażin u kienu jinħarqu diversi murtali fosthom blalen, sfejjer, murtali tal-kulur u anki murtaletti.  Fis-sena 2000 l-għalqa bdiet tinbena u għalhekk l-uniku post li minnu beda jinħaraq in-nar tal-għaqda kien il-bejt tal-Jesmond Sporting Club.  Hawnhekk l-affarijiet tbiddlu xi ftit.

 

Kienu diversi l-attivitajiet li l-għaqda organizzat tul is-snin.  Fosthom wieħed isemmi l-ħarġiet u barbecues ħdejn il-baħar, kompetizzjonijiet tal-futbol, riċevimenti tal-Milied għat-tfal tal-istitut Fra Diegu, dinner dances , high teas, kompetizzjoni l-'Isbaħ Presepju', diskos, 'Car Wash' u majjalata organizzata flimkien tal-Grupp Armar Festa.

 

Ta’ kull sena l-għaqda tippubblika l-ktejjeb speċjali tal-festa u anki torganizza riċeviment għall-mistednin distinti, ħbieb u dilettanti tal-festa.

 

Fl-1998 l-għaqda ippreżentat marċ brijuż lill-banda tal-parroċċa bl-isem “Dilettanti tan-Nar”, miktub mis-Surmast Josef Belli, ex-membru ta’ din l-għaqda.  Marċ ieħor bl-isem “Santos” kien ġie irregalat is-sena ta' wara. 

 

Fl-2005 ġie mfakkar l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-għaqda.  Għal din l-okkażjoni hekk speċjali kienu saru diversi attivitajiet fosthom programm speċjali ta’ logħob tan-nar tal-ajru, sar għal ewwel darba l-ġigġifogu bil-mużika u anki riċeviment kbir fejn kienu mistiedna fost l-oħrajn il-membri kollha tal-kumitat li servew tul is-snin.  Għal dan l-anniversarju l-President Alan Cutajar nieda proġett ta’ statwa li tirrappreżenta lill-Papa Piju IX, flimkien ma' pedestal sabiex jintramaw fi Triq il-Kappillan Mifsud matul il-ġimgħa tal-festa .  L-istatwa kienet inawgurata fil-festa tal-2006, filwaqt li l-pedestal iżżanżan matul il-festa tal-2007.  Dan il-proġett tifkira tal-għaxar anniversarju kien lest minn kollox matul il-festa tas-sena ta' wara.

 

Għall-festa tal-2007 u għal ewwel darba l-Għaqda Dilettanti tan-nar ħadmet it-tapit tal-ġigġifogu fuq erba` arbli.  Ix-xogħol sar kollu kemm hu minn xi membri tal-għaqda flimkien ma' persuna oħra li allavolja mhux mill-parrocca tat aktar milli setgħet sabiex dan seħħ.  Ħaġa oħra sabiħa li saret għal ewwel darba dik is-sena kien l-ispettaklu bil-laser li sar waqt l-ġigġifogu.  Flimkien tal-logħob tan-nar u l-mużika dan il-laser kompla sebbaħ lil din il-lejla meraviljuża ta' lejlet il-festa tagħna.

 

Matul il-festa tal-2008 l-għaqda tan-nar għamlet programm sabiħ bil-qofol tiegħu jintlaħaq f'jum il-festa, meta minn fuq il-bejt tal-Jesmond Club ġiet maħruqa kaxxa infernali mill-aqwa.  Kaxxi infernali oħra nħarqu fil-ħruġ u fil-dħul tal-purċissjoni.  Lejlet il-festa bħas-snin li għaddew l-għaqda ħejjiet mużika eċċezzjonali li akkumpanjat lill-logħob tan-nar tal-art. 

 

Għall-festa tal-2009 l-għaqda reġgħet ħadet ħsieb il-logħob tan-nar tal-ajru, parti mill-logħob tan-nar tal-art u anki l-mużika ta' mal-ġigġifogu.  Kienu diversi l-kaxxi infernali li nħarqu matul il-festa fosthom waħda sabiħa ħafna minn fuq il-Jesmond Club, fejn għal din il-festa nħarqu kaxxi infernali magħmula fiċ-Ċina, kaxxi infernali mill-aqwa u bla periklu.  Barra dan kollu l-għaqda ħadet ħsieb ukoll il-logħob tan-nar li nħaraq minn fuq il-bejt tal-każin tal-banda u anki minn fuq żewġ bjut privati, waħda wara l-ġigġifogu u oħra waqt il-ħruġ tal-purċissjoni.

 

Matul is-sena 2010 l-għaqda iċċelebrat il-ħmistax-il anniversarju b'numru t'attivitajiet.  Fost dawn kien hemm ikla għad-dilettanti, car wash u majjalata organizzata flimkien mal-Grupp Armar Festa.  Sar ukoll programm speċjali ta' logħob tan-nar għal matul il-ġimgħa tal-festa.  Barra minnhekk l-għaqda inawgurat statwa ġdida ta' San Ġorġ Preca flimkien mat-tfal.  Din l-istatwa tpoġġiet fi Triq il-Kappillan Mifsud u kienet imbierka mill-Kappillan waqt il-marċ ta' lejlet il-festa. 

 

Għall-festa tal-2011 l-Għaqda kompliet bil-ħidma tagħha b'risq il-festa u barra l-programm tan-nar li jsir ta' kull sena, l-għaqda u bis-saħħa tal-President tagħha Alan Cutajar xtrat erba` pedestalli li se jkunu restawrati sabiex jintramaw fil-ġranet tal-festa fl-inħawi tal-knisja.

 

Matul is-sena 2012 l-għaqda għamlet sforz kbir sabiex il-festa ngħatat spinta kbira l-quddiem.  Matul il-festa nħaraq programm ta' logħob tan-nar mill-aqwa, fejn spikkat il-wirja ta' murtali ta' qies kbir li nħarqu l-Ħadd filgħaxija tul il-purċissjoni mill-limiti tas-Swatar.  Barra dan matul il-ġimgħa l-logħob tan-nar ma naqasx l-aktar waqt l-attivitajiet li kienu għaddejjin fit-toroq.  Barra l-logħob tan-nar l-għaqda żanżnet żewġ anġli mill-isbaħ li tpoġġew faċċata tal-knisja.  L-għaqda rregalat ukoll żewġ pedestalli lill-grupp armar fl-okkażjoni tat-30 sena mit-twaqqif tagħhom.

 

Għall-festa tas-sena 2013 l-għaqda kompliet fejn ħalliet is-sena ta' qabel u l-ispettaklu tal-Ħadd filgħaxija mhux talli reġa sar imma talli żdied ġmielu.  Ma' dan l-ispettaklu li nħaraq bil-Cobra Firing System, matul il-ġimgħa tal-festa nħaqru numru kbir ta' kaxxi infernali ta' qies żgħir minn fuq diversi bjut tal-parroċċa.

 

Waqt il-kunċert vokali u strumentali li sar għall-okkażjoni tal-festa tal-2014, l-għaqda ħarqet nar sinkronizzat mal-mużika mill-fuq il-bejt tal-każin tal-banda.  In-nar inħaraq ma silta mużikali li ndaqqet mill-banda tal-parroċċa.

 

Matul l-2015 tfakkar l-Għoxrin Anniversarju mit-twaqqaf tal-Għaqda.  Għal dan l-anniversarju hekk sabiħ, il-kumitat ħa ħsieb illi matul s-sena jorganizza diversi attivitajiet sabiex jigu mfakkra l-20 sena tal-għaqda.  Iċ-ċelebrazzjoni laħqu l-qofol tagħhom matul il-granet tal-festa.  Matul dik il-ġimgħa kienu organizzati numru t'attivitajiet fosthom reception fi Pjazza Kappillan Muscat.  Għal din l-attivita l-pjazza kienet armata kif jixraq u saħansitra l-art fejn saret din l-attivita kienet kollha miksijja b'tapit aħmar.  Għal din l-attivita kienu mistiedna diversi persuni distinti u anki l-membri kollha tal-kumitati li mexxew lil din l-għaqda f'dawn l-aħħar 20 sena.  Matul l-attivita  mqassma anki rikorji lil membri kollha, lill-benefatturi u anki lill-membri tal-kumitat l-antiki.  Matul l-attivita t-Tabib Antoine Mifsud Bonnici ngħata l-unur prestiġjuż ta' President Onoraju.  B'hekk Dr Mifsud Bonnici sar t-tieni President Onorarju tal-Għaqda, u dan wara li nhar is-27 ta' Lulju tal-2012 is-Sur Ivan Bugeja kien maħtur bħala l-ewwel President Onorarju ta' din l-għaqda.  Sadanittant għal dan l-istess anniversarju l-għaqda kompliet bit-proġett-tifkira billi żanżnet l-istatwa tas-Sagra Familja li tpoġġiet f'post ċentrali fi Pjazza Kappillan Muscat.  Flimkien ma din l-istatwa saru wkoll żewġ anġli. 

 

Is-Sena 2016 reġgħet kien sena impenjattiva għall-Għaqda Dilettanti tan-Nar.  Dan għaliex minbarra l-preparamenti u x-xogħol tan-nar, l-għaqda kompliet bil-proġett ta' Pjazza Kappillan Muscat.  Għall-festa tal-2016 l-għaqda reġgħet ħarqet il-programm tan-nar tagħha mill-għalqa tas-Swatar, fejn kemm f'lejlet il-festa u anki f'jum il-festa kienu maħruqa diversi murtali tal-bomba, beraq, sfejjer, blalen u murtali tal-kulur.  L-għaqda ħarqet ukoll kaxxa infernali kbira minfuq il-bejt tal-Jesmond Club hekk kif l-istatwa titulari waslet quddiemu.  Din il-kaxxa kienet tikkonsisti f'murtali żgħar tal-bomba u tal-kulur flimkien ma numru kbir ta' kaxxi tac-Cina.