ĦAMRUNIŻI LI ĦADMU GĦAL-ĠID

TAL-PARROĊĊA JEW TAL-ĦAMRUN

 

PAWLU BURLO`

 

Filantropiku u Fundatur tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni

 

Pawlu Burlo` twieled il-Belt Valletta fl-24 t’Ottubru tal-1877 u kien mgħammed fil-knisja ta’ San Duminku nhar l-24 t’Ottubru tal-istess sena.  Hu kien imrobbi f’ambjent tassew reliġjuż u sa minn ċkunitu hu diġa`kien devot kbir tal-Madonna. F’dawk iż-żminijiet kien hemm id-drawwa li kull familja kien ikollha rokna żgħira fid-dar iddedikata lil xi qaddis jew lill-Madonna u flimkien ma` missieru Franġisku, hu kien jieħu ħsieb iżejjen l-altar żgħir li huma kellhom.

 

Meta Pawlu ngħaqad fis-sagrament taż-żwieg ma` Karmena hu mar joqgħod il-Ħamrun  fi Triq Vitale, numru 30. Hemmhekk hu kompla bit-tradizzjoni li jkollu kappella ċkejkna  sabiex fiha, flimkien mal-familja jgħidu r-rużarju ta’ kuljum.  Miż-żwieġ tiegħu ma Karmena hu kellu erba` t'itfal.  Is-sengħa ta’ Pawlu kienet ta’ landier.

 

Fix-xahar ta’ Mejju tal-1920 Pawlu kienet ġietu l-idea li għal dak ix-xahar jistieden lit-tfal tal-inħawi sabiex flimkien mal-familja tiegħu jgħidu r-rużarju.  Imbagħad meta x-xahar ġie fi tmiemu hu kien għamlilhom festin żgħir.  Sena wara Pawlu reġa` għamel l-istess iżda din id-darba, flimkien mat-tfal ġew ukoll l-ommijiet, il-missirijiet u anki nies oħra li kienu joqgħodu fil-qrib u dan wassal sabiex ma kienx hemm spazju biżżejjed fejn joqgħodu.  Minħabba f’hekk Pawlu kien kera terran fl-istess triq, numru 15 u fih għamel kappella ddedikata lil Immakulata Kunċizzjoni. 

 

Naraw illi mbagħad fil-bidu tas-Snin Tletin hu kera terran fi Triq id-Duluri proprjeta` tas-Sur Toni Grech u hemm hekk hu għamel kappella akbar, flimkien ma' sagristija u gallerija għall-kor.  Minn hekk il-quddiem il-post beda jissejjaħ l-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni u ta’ kull sena fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju bdiet issir festa pubblika.  It-toroq kienu jiżżejnu bil-festuni tal-bozoz, bnadar u pavaljuni u kien ikun hemm ukoll il-banda u anki purċissjoni bi statwa ħelwa tal-Kunċizzjoni.

 

Pawlu Burlo` miet nhar l-20 t’Ottubru tal-1950 fl-eta` ta’ 73 sena.  Għall-funeral tiegħu attendew kwazi n-nies kollha tal-inħawi u dan biex jirringrazzjawh tal-ġid kbir li hu għamel tul ħajjtu kollha.  Hu kien il-bniedem li beda d-devozzjoni lejn l-Immakulata u li wasslet sabiex illum fil-Ħamrun hemm il-parroċċa ddedikata lil Marija Immakulata.  Fis-santa tal-mewt tiegħu kien hemm miktub hekk:

 

IN MEMORIAM

 

Itolbu għar-ruħ għażiża ta’

 

PAWLU BURLO`

 

Fundatur ta’ l-Oratorju Imaculata Conezzjoni Ħamrun

 

Wara ħajja ta’ 73 sena kollha ħidma għal ġid tat-tfal ta’ l-Oratorju

 

U wara li ġie iċ-ċonfortat bis-Sagramenti Mqaddsa

 

ħalla dan il-wied tad-dmugħ fl’20 ta’Ottubru, 1950

 

Ħalla jibku it-telfa tiegħu lil martu l-uliedu, kraba u ħbieb.

 

CHARLIE ZERAFA

 

Is-sagristan tal-knisja parrokkjali Immakulata Kunċizzjoni

 

Charlie Zerafa twieled nhar id-9 ta' Jannar tal-1953 minn Pawlu u Ġuża nee' Galea.  Hu beda l-istudju tiegħu fl-iskola Primarja tal-Gvern fil-Ħamrun u kompla fis-Seminarju l-Furjana.

 

Charlie beda` jiffrekkwenta l-knisja tal-Kunċizzjoni meta kien għadu daqsxejn ta’ tfajjel fejn għamel żmien twil bħala abbati.  Imbagħad aktar tard mas-snin hu ha f’idejh ix-xogħol ta’ sagristan.  Barra x-xogħol ta' sagristan, hu kellu delizzju tal-festa, kemm tal-festa esterna u anki ta' ġewwa l-knisja.

 

Charlie zerafa kien attiv ħafna fil-parroċċa u bħala sagristan il-ħidma kbira kienet waħda li ma taqta' xejn.  Għal snin twal hu kien ukoll responsabbli mill-grupp tal-abbatini tal-parroċċa u kien anki membru kemm fil-Kummissjoni Festa u fil-Kunsill Parrokkjali. 

 

Għall-żmien twil Charlie kien jieħu sehem ukoll fl-organizzazjoni tas-serati li kienu jsiru fis-sala parrokkjali fis-Snin 70 u 80 u anki fit-tħejjija taċ-Ċenaklu Ħaj, fejn kien jagħmilha ta’ narratur.   

 

Charlie kien jieħu ħsieb ukoll l-uffiċċju parrokkjali u anki l-pubblikazzjoni ta' kull xahar ‘Leħen il-Parroċċa’.  Għal żmien twil, meta hu kien għadu żagħżugħ kien anki l-President taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tal-parroċċa. 

 

Charlie ħalli lil din id-dinja nhar l-24 ta’ Jannar 2010 fl-eta` ta’ 57 sena wara marda qasira.  L-aħbar tal-mewt tiegħu nxterdet bħal leħħa ta’ berqa u fil-parroċċa kienet tinħass it-telfa u n-nuqqas tiegħu.