L-GĦAQDA MUŻIKALI IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

 

 

 

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni hija soċjeta` żagħżugħa u hija t-tielet banda Ħamruniża.  Għalkemm żgħira kemm fl-eta` kif ukoll fil-popolarita`, l-istorja ta' din il-banda hija verament waħda tassew interessanti.

 

Kien fl-1978 meta Toni Borġ ġieh il-ħsieb li jifforma banda u għalhekk hu avviċina lil xi ħbieb midħla tal-baned, sabiex flimkien jibnu fuq il-ħsieb tiegħu.  Xi xhur wara Toni tkellem mas-Surmast Carmelo Schembri sabiex ikun l-ewwel surmast ta’ din il-banda.  Ir-risposta tiegħu kienet fin-negattiv u għalhekk Toni kellu jsib surmast ieħor.

 

Kien is-Surmast Alfons Maria Vella li ħa l-inkarigu tal-banda u minn hawnhekk-il quddiem Toni Borg kompla jsib aktar nies interessati sabiex jifformaw l-ewwel kumitat.

 

L-ewwel laqgħa tal-kumitat saret fil-Victoria United Football Club fi Triq Barth il-Ħamrun nhar it-22 t’Awwissu 1979.  Matul din il-laqgħa kien ġie deċiż illi l-isem ufficjali tas-soċjeta' kellu jkun "Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni" u l-istandard kellu jkun ta’ lewn abjad bin-Nome di Maria fin-nofs u bi frenza kulur id-deheb mad-dawra ta' barra.

 

Wara xi laqgħat oħra fosthom anki mal-kappillan tal-parroċċa, Dun Manwel Agius,  l-kumitat kien iddeċieda illi l-ġurnata uffiċjali tat-twaqqif tas-soċjeta' kellha tkun dik tad-29 t’Awwissu tal-1979.

 

Fix-xhur ta’ wara l-kumitat kera garaxx fi Triq Kanonku Bonniċi u aktar tard post ieħor fi Triq Ġuże` Pace.  Wara ftit żmien l-għaqda reġgħet marret fil-Victoria United Football Club.  Għal xi żmien l-għaqda kienet anki tagħmel il-lezzjonijiet lill-aljevi tagħha għand il-Hobbies Society ta' Triq id-Duluri.

 

Fl-1981 l-għaqda xtrat post fi Triq Villambrosa u hemmhekk damet sentejn, sabiex imbagħad inxtara post ieħor aktar ċentrali, fi Triq il-Kappillan Mifsud.

 

Fl-1993, waqt il-laqgha ġenerali annwali kien ġie mibdul il-kulur tas-soċjeta`, minn dak isfar għal dak celesti, wara li l-maġġoranza tal-membri preżenti ressqu l-proposta tagħhom lill-kumitat.  Tbiddlet ukoll in-Nome di Maria tan-nofs tal-istandard.

 

Fl-1996 twaqqfet il-Kummissjoni Partitarji fi ħdan il-kumitat tas-soċjeta`.  L-iskop ewlieni wara t-twaqqif kien illi l-membri tal-kummissjoni jorganizzaw kull xorta ta' briju u armar għall-marċijiet tal-festa.  Il-kummissjoni ħadet ukoll l-inkarigu li żżejjen il-faċċata tal-każin bl-aħjar mod possibbli.

 

Fl-1 t’Awwissu 2002 l-għaqda reġgħet imxiet din id-darba għal post aktar ċentrali fi Pjazza Kappillan Muscat, post ferm akbar minn dak ta’ qablu u ftit il-bogħod mill-knisja parrokkjali. 

 

Il-każin il-ġdid infetaħ uffiċjalment fid-29 t’Awwissu tal-2004 mill-President Emeritus tar-Repubblika l-Professur Guido de Marco.  Dakinhar inkixfet ukoll lapida kommemorattiva mill-kappillan tal-parroċċa, Dun Nazzareno Caruana. Il-ftuħ sar f'għeluq il-25 Anniversarju mit-twaqqif tas-soċjeta`, u dan, wara xhur sħaħ ta' xogħol strutturali fosthom it-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-parti ta' wara tal-każin, il-bini ta' sala mdaqqsa u kamra għall-kumitat fis-sular ta' fuq, flimkien ma' kamra fuq il-bejt. Din kienet l-ewwel fażi tal-proġett tat-tisbieħ tal-każin tas-soċjeta`.  Fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju kienu saru diversi attivitajiet, waħda minnhom issir nhar il-25 ta' Ġunju billi dakinhar kien sar it-tberik ta' bandiera ġdida għall-arblu tal-każin.  Imbagħad fid-29 t'Awwissu ġiet iċċelebrata quddiesa ta' radd il-ħajr, sabiex wara sar il-ftuħ uffiċċjali tal-każin.  Nhar is-6 t'Ottubru kien sar marċ mill-Banda San Gejtanu tal-Ħamrun u l-għada, 7 t'Ottubru sar marċ ieħor din id-darba mill-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun ukoll.  Dan l-anniversarju ġie fi tmiemu b'pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Kunċizzjoni, nhar is-7 ta' Diċembru tal-2009.  Dakinhar l-istatwa kienet akkumpanjata mill-banda tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni.

 

Ftit taż-żmien wara l-kumitat nieda t-tieni fażi tal-proġett tal-każin. Dan inbeda ftit xhur qabel il-festa tal-2007.  Fost l-affarijiet li saru kien hemm il-bdil tas-sistema tal-elettriku u tal-ilma. Sar ukoll il-kisi, it-tikħil u t-tibjid tal-lokal, kif ukoll inbidlet is-sistema sanitarja. B'dan kollu ma kienx ifisser illi l-proġett kien lest għaliex kien għad fadal ħafna xi jsir. 

 

Għall-festa tal-2008 il-kumitat tal-banda flimkien mal-Kummissjoni Partitarji ħaseb sabiex jibda l-proġett tat-tiżjin tal-faċċata tal-każin għal matul il-ġranet tal-festa tal-parroċċa.  Matul dik is-sena sar dawl, sabiex imbagħad sena wara dan il-proġett kien inawgurat bil-kxif tal-faċċata lesta bid-drapp dekorattiv, waqt ċerimonja mill-isbaħ nhar it-2 ta' Lulju 2009. B'hekk il-faċċata ġiet imżejna kif jixraq għall-ġranet tal-festa tagħna.

 

Matul is-snin minn kemm ilha mwaqqfa l-għaqda kienu diversi l-lokalitajiet fejn il-banda tagħat is-servizz tagħha.  Fost dawn insibu l-parteċipazzjoni waqt il-festi tal-Bidnija, ta' Ħad Dingli, ta' Santa Venera u ta' Marsaxlokk.  Ħadet sehem ukoll fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II, matul il-logħob tal-Pajjizi ż-Żghar, waqt iċ-ċelebrazzjoni tar-rebħ tal-kampjonat mill-Ħamrun Spartans u anki għal diversi drabi f'Jum il-Ħamrun.  Programmi oħra saru matul il-karnival, fil-ftuħ tas-Serenity Ward fl-isptar San Vincenz de Paule u anki matul iż-żewġ ċentinarji tal-każini ta’ San Ġużepp u San Gejtanu tal-Ħamrun.

 

Naturalment ta’ kull sena ma tonqosx il-parteċipazzjoni tal-banda matul il-festa tal-parroċċa, b’numru ta’ marċijiet matul il-ġimgħa.  Matul il-ġimgħa tal-festa l-banda tagħmel numru ta' marċi brijużi, fosthom dak tal-Ħamis, tal-Ġimgha, tas-Sibt filgħaxija, sabiex imbagħad il-qofol jintlaħaq bil-marċ kbir u brijuż tal-Ħadd filgħodu, nhar il-festa.

 

Matul l-2009 nbdiet it-tielet fażi tat-tisbieħ tal-każin.  Ix-xogħol kien jinkludi fost l-oħrajn t-tqiegħid tas-suffetti tas-sala ta' fuq u t-twaħħil ta' numru ta' linef dekorattivi mal-istess saqaf.  Saret ukoll gallerija tal-injam ġdida fuq il-faċċata.

 

Fl-2009 ġie ċċelebrat bil-kbir it-30 anniversarju tat-twaqqif tas-soċjeta`.  Nhar id-19 ta' Ġunju saret l-inawgurazzjoni tas-Sala ta' fuq mill-ex-kappillan Dun Ġużepp Mifsud Bonniċi u t-tberik ta' lapida kommemorattiva mill-kappillan tal-parroċċa Dun Salv Borġ. Imbagħad nhar it-2 ta' Lulju sar kunċert vokali u strumentali quddiem il-każin u anki filmat storiku dwar it-30 sena tal-banda.  Wara saret l-inawgurazzjoni tal-faċċata tal-każin imżejna bi drapp dekorattiv.

 

Barra minn hekk saru żewġ esebizzjonijiet fosthom waħda b'numru sabiħ ta' standardi ta' diversi każini tal-baned.  Din il-wirja kienet inawgurata nhar it-28 t'Awwissu mis-Segretarju Parlamentari Mario De Marco, u damet miftuħa sal-Ħadd 30 t'Awwissu.  Is-Sibt 29 t'Awwissu tħawwlu żewġ siġriet kommemorattivi, waħda fi Ġnien Turu Lentini sabiex tfakkar lil ex-kaxxier tas-soċjeta'  is-Sur Frans Bezzina u l-oħra fi Pjazza Kappillan Muscat sabiex tikkommemora t-30 anniversarju.   Imbagħad dakinhar fis-6.30 pm ġiet iċċelebrata quddiesa ta' ringrazzjament għal dak kollu li seħħ minn hemm ilha mwaqqfa l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni. Sar ukoll statut għall-membri kollha tal-Għaqda. 

L-aħħar attivita` organizzata mill-Għaqda Muzikali  għas-sena 2009 saret nhar it-18 ta' Diċembru u kienet attivita` soċjali bl-isem 'Il-Lejl tal-Milied'  Din kienet organizzata fi Pjazza Kappillan Muscat u kienet tinkludi kunċert mill-brass band tal-banda, parata mill-1st. Ħamrun Scouts, kant ta' carols, purċissjoni bil-Bambin, paġent tal-Milied flimkien ma' presepju ħaj.

Matul l-2010 kompla l-proġett tat-tisbieħ tal-każin billi sar il-kisi tat-taraġ bil-granit u anki kienet inawgurata vetrina fejn fost l-oħrajn fiha tpoġġew l-istrumenti tal-mużika l-antiki. 

Matul is-sena 2011 saru diversi attivitajiet, fosthom insemmu l-attivita` "Fil-Ħlewwa ta' Mejju".  Din l-attivita` saret fl-inħawi tal-każin tal-għaqda u kienet tikkonsisti f'ġurnata ta' divertiment għall-familja kollha.  Matul l-attivita` kien hemm numru t'esibizzjonijiet til-fjuri, kompetizzjoni tal-isbaħ faċċata armata għall-okkażjoni, numru ta' stands tal-artiġjanar u b'ikel Malti kif ukoll serata ta' mużika u zfin fuq palk li ntrama apposta. It-toroq tal-inħawi ntramaw bil-pavaljuni u bil-bandalori, armar li jintuża ghall-festa tagħna u ieħor tal-festi ta' San Ġejtanu u San Ġużepp tal-Ħamrun. Għall-festa tal-2011 tlesta l-pedestall tal-anġlu li l-banda għandha fi Triq Kappillan Mifsud.  Dan il-pedestall kien irħamat u saritlu skultura mill-isbaħ.  Lejn l-aħħar tal-2011 tkompla ix-xogħol tat-tisbieħ tal-każin billi sar bar ġdid u anki suffett fis-sala t'isfel.  Barra minn hekk saru purtieri ġodda għall-kamra tal-kumitat u s-sala ta' fuq u numru ta' kwadri ġodda.  Sadanittant saret ukoll ir-riorganiżazzjoni tal-inventarju tal-mużika kollu, l-konservazzjoni tal-istrumenti tal-mużika u tad-dokumenti uffiċjali l-antiki u fl-aħħar nett ir-restawr tal-istandardi tal-banda.